Kontenituri tax-Xorb li Jistgħu Jerġgħu Jimtlew

Kontenituri tax-Xorb li Jistgħu Jerġgħu Jimtlew u Rifużjonijiet tad-Depożitu

Il-kontenituri tax-xorb li jistgħu jerġgħu jimtlew huma komponent ewlieni tal-ekonomija ċirkulari. Għall-kuntrarju ta’ kontenituri li jintużaw darba biss, dawn huma ddisinjati biex jintużaw diversi drabi, jgħinu biex jipprevjenu l-iskart fil-livell tas-sors u jippromwovu użu aktar effiċjenti tar-riżorsi.

F’sistema ta’ kontenituri tax-xorb li jistgħu jerġgħu jimtlew, il-konsumaturi jixtru xarba f’kontenitur li għalih iridu jħallsu depożitu rimborsabbli. Ladarba x-xarba tkun ġiet ikkunsmata, il-kontenitur vojt jiġi rritornat lill-bejjiegħ bl-imnut jew lil punt ta’ ġbir awtorizzat. Id-depożitu mbagħad jitħallas lura lill-konsumatur. Il-kontenituri rritornati jinġabru mill-fornitur, jitnaddfu u jiġu ssanitizzati skont l-istandards stabbiliti, u jimtlew mill-ġdid għar-ridistribuzzjoni.

Is-sistemi ta’ kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew inaqqsu b’mod sinifikanti d-domanda għal materjali ġodda għall-imballaġġ billi jestendu ż-żmien li jdumu jservu l-kontenituri tax-xorb. Dan jikkontribwixxi għal konsum aktar baxx tal-enerġija u tal-ilma, tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u inqas skart li jintbagħat fil-miżbla jew għall-inċinerazzjoni. Għalhekk, il-kontenituri tax-xorb li jistgħu jerġgħu jimtlew, għandhom irwol ewlieni fil-prevenzjoni tal-iskart u fl-appoġġ ta’ mudelli sostenibbli ta’ produzzjoni u konsum.

Barra l-benefiċċji ambjentali, is-sistemi ta’ kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew jinkoraġġixxu mġiba responsabbli tal-konsumatur billi jagħmlu l-prevenzjoni tal-iskart parti mid-deċiżjonijiet tax-xiri ta’ kuljum.

L-użu ta’ kontenituri tax-xorb li jistgħu jerġgħu jimtlew juri kif il-prinċipji tal-ekonomija ċirkulari jistgħu jiġu applikati fil-prattika: li l-materjali jibqgħu jintużaw għall-itwal żmien possibbli, it-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-imballaġġ li jintuża darba biss, u t-tnaqqis tal-impatt ambjentali kemm jista’ jkun. Billi jappoġġjaw sistemi ta’ kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew, il-konsumaturi, in-negozji u l-istituzzjonijiet jikkontribwixxu għal ekonomija aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Eżenzjoni mill-BCRS

Ċerti prodotti tax-xorb ippakkjati f’kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew — bħall-ilma, soft drinks u mixers — jistgħu jiġu eżentati mill-Iskema ta’ Rifużjoni għall-Kontenituri tax-Xorb (BCRS, Beverage Container Refund Scheme), soġġetti għall-approvazzjoni mill-Ekonomija Ċirkulari Malta (CEMalta).

Dawn l-eżenzjonijiet jingħataw skont l-Ewwel Skeda tar-Regolamenti dwar ir-Riċiklaġġ tal-Kontenituri tax-Xorb, 2020 (L.S. 549.134), speċifikament ir-Regolament 19 – Eżenzjoni mill-Iskema għal kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew. Il-prodotti eżentati ma jaqgħux taħt il-BCRS u minflok joperaw skont Sistema ta’ Ritorn tad-Depożiti tal-Produtturi.

Il-produtturi li jixtiequ japplikaw għal eżenzjoni skont ir-Regolament 19 ta’ L.S. 549.134 huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Aġenzija fuq [email protected]

Rekwiżiti ta’ Rappurtar u ta’ Konformità għal Kontenituri tax-Xorb li Jistgħu Jerġgħu Jimtlew

F’konformità mal-obbligi li jirriżultaw skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.134, il-produtturi li jqiegħdu fis-suq kontenituri tax-xorb li jistgħu jerġgħu jimtlew huma meħtieġa jaderixxu ma’ miżuri speċifiċi ta’ rappurtar u ta’ konformità, minkejja l-eżenzjoni tagħhom mill-Iskema ta’ Rifużjoni għall-Kontenituri tax-Xorb (BCRS).

Obbligi ta’ Rappurtar Trimestrali u ta’ Tmiem is-Sena

Kif stipulat skont ir-Regolament 22 ta’ L.S. 549.134, il-produtturi għandhom jissottomettu rapporti trimestrali dettaljati lill-Ekonomija Ċirkulari Malta (CEMalta). Dawn ir-rapporti għandhom jinkludu:

  • Il-volum aggregat ta’ kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew li tqiegħdu fis-suq, skont il-kwantità u l-piż, u kkategorizzati skont it-tipoloġija tal-kontenitur.
  • Il-volum aggregat ta’ kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew li nġabru mis-suq, ukoll skont il-kwantità, il-piż u t-tipoloġija.

Ir-Regolament 22 jispeċifika wkoll li:

 “Tali informazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Aġenzija fuq bażi trimestrali, u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn ħmistax(15)-il jum mit-tmiem ta’ kull trimestru.”

 Dawn ir-rapporti jiżguraw li l-produtturi jibqgħu konformi mas-sorveljanza statutorja tas-sistemi ta’ kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew u jippermettu l-monitoraġġ tal-progress skont miri tal-ġbir legalment vinkolanti.

Rekwiżiti ta’ Informazzjoni Finanzjarja

Skont ir-Regolament 22, u għall-fini tat-tħejjija tar-rapport annwali msemmi fir-Regolament 36, il-produtturi għandhom jipprovdu wkoll lil CEMalta l-informazzjoni finanzjarja u dwar l-operat kollha meħtieġa relatata mas-sistemi ta’ kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew tagħhom. Din tinkludi:

  • Il-pożizzjoni finanzjarja ta’ kwalunkwe sistema għal kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew li joperaw fit-territorju nazzjonali.
  • L-istatus tal-kontijiet għar-rifużjoni tad-depożiti fl-aħħar ta’ kull sena kalendarja.

Dan l-obbligu jiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà fil-mod kif joperaw is-sistemi ta’ kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew, b’mod partikolari fir-rigward tad-depożiti tal-konsumatur u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema.

Il-produtturi ta’ kontenituri tax-xorb li jistgħu jerġgħu jimtlew għandhom għalhekk jikkonformaw kemm mar-rappurtar operazzjonali (sottomissjonijiet trimestrali dwar il-kwantitajiet imqiegħda u miġbura) kif ukoll mal-obbligi ta’ rappurtar finanzjarju (pożizzjoni finanzjarja tas-sistema u status tal-kont tad-depożitu), f’konformità ma’ L.S. 549.134. Dawn id-dmirijiet japplikaw irrispettivament mill-eżenzjoni mill-BCRS, filwaqt li jiġi żgurat li l-produtturi jibqgħu responsabbli biex jilħqu l-miri tal-ġbir annwali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni — li jvarjaw minn 70% fl-2022 u fl-2023 għal 90% mill-2026 ’il quddiem (jekk jogħġbok irreferi għat-Tabella hawn taħt).

Perjodu Mira (% skont il-piż ta’ kontenituri li jistgħu jerġgħu jimtlew li tqiegħdu fis-suq)
1 ta’ Jannar 2022 – 31 ta’ Diċembru 2022
70%
1 ta’ Jannar 2023 – 31 ta’ Diċembru 2023
70%
1 ta’ Jannar 2024 – 31 ta’ Diċembru 2024
80%
1 ta’ Jannar 2025 – 31 ta’ Diċembru 2025
85%
1 ta’ Jannar 2026 – 31 ta’ Diċembru 2026 u wara
90%

Kif taħdem is-Sistema ta’ Ritorn tad-Depożiti għal Kontenituri Eżentati li Jistgħu Jerġgħu Jimtlew

Meta tixtri xarba f’kontenitur eżentat li jista’ jerġa’ jimtela, f’mudell min-Negozju għall-Konsumatur:

  • Tintalab tħallas depożitu fil-punt tal-bejgħ.
  • Wara l-konsum, il-kontenitur vojt għandu jiġi rritornat fi:
    • il-punt tax-xiri, jew
    • punt ta’ ritorn speċifiku identifikat mill-produttur.
  • Id-depożitu jitħallas lura direttament mill-bejjiegħ bl-imnut jew permezz tas-sistema ta’ ritorn tal-produttur.
  • Il-kontenituri rritornati mbagħad jinġabru mill-produttur, jitnaddfu u jiġu ssanitizzati skont l-istandards stabbiliti, u jimtlew mill-ġdid għall-użu mill-ġdid.

Passi Prattiċi għall-Konsumaturi

  1. Żomm il-kontenitur tax-xorb vojt li jista’ jerġa’ jimtela wara l-użu.
  2. Irritornah fil-ħanut fejn inxtara jew lill-punt ta’ ritorn speċifiku tal-produttur.
  3. Irċievi r-rifużjoni tad-depożitu tiegħek mar-ritorn
CE Malta
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.