Azzjonijiet

Rikonsiderazzjoni tal-Iskart

L-iskart tal-ikel huwa qasam fejn hija meħtieġa azzjoni u waħda li taffettwa lis-soċjetà kollha kemm hi. L-Aġenzija se timmonitorja l-miri għat-tnaqqis tal-iskart tal-ikel stabbiliti mill-Unjoni Ewropea u se timplimenta kwalunkwe miżura meħtieġa u tippromwovi azzjoni li tiffaċilita l-ilħuq ta’ dawn il-miri. Dan se jkun akkumpanjat minn kampanja dwar l-iskart tal-ikel, li se tfittex li tqajjem kuxjenza dwar il-problema u tressaq ideat dwar kif jista’ jinkiseb it-tnaqqis. Minbarra li tqajjem kuxjenza ġenerali, l-Aġenzija se tniedi wkoll kampanji edukattivi mmirati lejn ċerti setturi tas-soċjetà b’enfasi partikolari fuq it-tfal u l-popolazzjoni taż-żgħażagħ.

Sabiex tiġi indirizzata l-problema taż-żieda fl-iskart tal-ikel u dak organiku, jista’ jitqies ukoll li jiġu introdotti għadd ta’ skemi u inċentivi mmirati speċifikament lejn il-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut li jiskoraġġixxu l-ġenerazzjoni ta’ skart evitabbli u mhux meħtieġ, li spiss jintuża darba biss. Dan ikun akkumpanjat mill-promozzjoni ta’ prattiki agrikoli sostenibbli li jippermettu lis-settur tal-biedja jibdel l-iskart f’riżorsa ta’ valur.

Il-produzzjoni u l-użu tal-plastik, speċjalment tal-plastik li jintuża darba biss, huma qasam ieħor li jixraqlu azzjoni immedjata sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ skart iġġenerat kull sena, li qed juri li għandu impatt sinifikanti u reali fuq l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Minbarra l-introduzzjoni tal-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb, l-Aġenzija se timmonitorja dan is-settur ekonomiku biex tiżgura li jintlaħqu l-miri diġà stabbiliti għat-tnaqqis tal-iskart tal-plastik. Din se tippromwovi primarjament ix-xiri u l-użu ta’ inqas prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss mill-konsumaturi, u barra minn hekk se tippromwovi t-tnaqqis tal-imballaġġ tal-plastik lill-produtturi. L-użu ta’ kampanji tal-media u ta’ programmi ta’ sensibilizzazzjoni se jkun inevitabbli; madankollu, jista’ jagħmel sens ekonomiku wkoll li jiġu introdotti inċentivi li jħeġġu l-użu ta’ inqas plastiks, speċjalment fejn dan jista’ jiġi evitat. Il-possibbiltà li jiġu implimentati skemi ta’ ritorn simili fuq prodotti oħra b’impatti sinifikanti fuq is-suq hija għażla li se tiġi segwita, abbażi tal-esperjenza miksuba mill-iskema tal-kontenituri tax-xorb.

Huwa fatt magħruf sew li waħda mill-akbar kontributuri għall-iskart f’Malta hija l-industrija tal-kostruzzjoni. Peress li hija waħda mis-setturi ekonomiċi ewlenin u impjegatur ta’ sehem sinifikanti tal-popolazzjoni attiva, dan il-qasam huwa sensittiv ħafna u wieħed li jrid jiġi indirizzat b’kawtela. Madankollu, l-Aġenzija se tibda tippromwovi l-użu mill-ġdid ta’ materjali fl-industrija sabiex tnaqqas l-ammont ta’ skart mormi fil-landfills u fil-barrieri. Imbagħad se tiżviluppa għodod li se jħeġġu dan l-użu mill-ġdid tal-materjali, kif ukoll l-użu ta’ materjali u prattiki aktar sostenibbli għall-kostruzzjoni ta’ bini ġdid. L-għan huwa li permezz ta’ politiki u miżuri diretti u effettivi, Malta tkun tista’ tnaqqas l-impronta materjali tagħha. Dan se japplika kemm għas-settur tal-kostruzzjoni kif ukoll għas-segment tal-konsum tal-materjal domestiku.

L-istess japplika għas-settur tal-manifattura; l-Aġenzija se tappoġġa u tiffaċilita l-bidliet fil-metodi tal-produzzjoni li jfasslu l-iskart u li jirrikjedu inqas inputs ta’ enerġija. Dan se jkun akkumpanjat mill-promozzjoni tal-użu ta’ inputs differenti u aktar sostenibbli, li jistgħu jinkisbu wkoll bħala skart minn setturi oħra tal-ekonomija. L-introduzzjoni ta’ inizjattivi u inċentivi mmirati se tippermetti lill-produtturi jindirizzaw il-ġenerazzjoni tal-iskart fl-istadju tal-produzzjoni aktar milli jkollhom jittrattaw l-iskart wara t-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott.

L-ekonomija kollaborattiva hija mudell ekonomiku li kiseb ħafna popolarità f’dawn l-aħħar snin u wieħed li qed iżid ukoll il-preżenza tiegħu f’Malta. Il-Kummissjoni Ewropea tirreferi għal din is-sistema ekonomika bħala mudelli tan-negozju li fihom l-attivitajiet jiġu ffaċilitati minn pjattaformi kollaborattivi li joħolqu suq miftuħ għall-użu temporanju ta’ oġġetti jew servizzi li spiss jiġu pprovduti minn individwi privati. Il-proponenti ewlenin ta’ din is-sistema huma prinċipalment preżenti fis-settur tal-akkomodazzjoni u fis-settur tat-trasport. Madankollu, hemm l-opportunità li jiġu esplorati oqsma ġodda, bħas-setturi tal-bejgħ bl-imnut u tat-tessuti, li jikkontribwixxu b’mod pożittiv għal tnaqqis fl-iskart maħluq. L-Aġenzija se tkompli tistudja dawn il-mudelli ta’ negozju u tiżviluppa politiki u inċentivi adegwati li jħeġġu, jirregolaw u jimmonitorjaw l-ekonomija kollaborattiva. Flimkien ma’ dan l-approċċ, il-kunċett ta’ kiri ta’ apparat u ta’ ċerti prodotti għall-konsumatur se jiġi esplorat aktar u jitqies bħala soluzzjoni innovattiva fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ skart, possibbilment bl-għajnuna ta’ skemi u inċentivi speċifiċi.

L-iżvilupp ta’ proġett ta’ Rkupru Enerġetiku huwa elenkat bħala proġett ewlieni fil-Programm Operazzjonali ta’ Malta 1 li Jrawwem ekonomija kompetittiva u sostenibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi tagħna għall-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014-2020 tal-Fondi Soċjali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE). Kif diġà ntqal, il-kapaċità tal-irkupru enerġetiku hija mistennija li tipprovdi għal 40 % tal-iskart li bħalissa qed jintrema fil-landfills. Minbarra l-kontribut tagħha għall-immaniġġjar tal-iskart f’Malta, faċilità tal-Irkupru Enerġetiku tipprovdi l-opportunità għall-ġenerazzjoni ta’ elettriku b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u elettriku rinnovabbli f’Malta. Din il-faċilità se tindirizza parzjalment il-kwistjoni tal-iskart organiku u tal-bijomassa, filwaqt li tiddevja dan l-iskart lil hinn mil-landfills u fil-produzzjoni tal-enerġija. Ir-rwol tal-Aġenzija huwa li tistudja u tidentifika l-iskart li se jiġi ddevjat ’il bogħod mill-impjant tal-irkupru enerġetiku u li għandu jiġi allokat għar-riċiklaġġ u t-trasformazzjoni f’riżorsi sekondarji. Għall-perjodu medju u fit-tul, l-Aġenzija se tqis ukoll l-istudju ta’ għażliet ġodda u innovattivi dwar kif għandha tiġi indirizzata l-bijomassa, bħall-ikkummissjonar ta’ studji dwar il-possibbiltà ta’ bijoraffinerija li tkun tista’ tipproduċi wkoll sustanzi kimiċi b’valur miżjud.

Il-Ġbir tal-Iskart

Saru rakkomandazzjonijiet mir-Rapport ta’ Twissija Bikrija tal-Kummissjoni Ewropea biex il-ġbir tal-iskart isir reġjonali. Dan għandu jitqies għall-flussi kollha ta’ skart miġbura li għandhom jiddaħħlu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali, u jistgħu jitqiesu inċentivi fiskali sabiex jiżdied l-isforz għas-separazzjoni fis-sors. Dan jista’ jsir billi jiġu ttrattati separatament il-kostijiet tal-ġbir u l-kostijiet tar-rimi. Il-kostijiet ta’ qabel jistgħu jiġu ġestiti aħjar permezz ta’ titjib infrastrutturali, filwaqt li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu studjati biex jinċentivaw is-separazzjoni fis-sors. Dan jista’ jindirizza rakkomandazzjoni oħra mill-EWR, dik li l-Kunsilli Lokali jkunu aktar responsabbli għall-miri tar-riċiklaġġ.

L-infrastruttura tal-ġbir bieb bieb hija maqsuma; f’domestika mħallsa mill-Kunsilli Lokali u kummerċjali mħallsa mill-utenti kummerċjali. Hemm nuqqas ta’ infurzar f’dawn tal-aħħar u għadd mhux ħażin ta’ utenti kummerċjali ma jiġġenerawx biżżejjed skart biex jiġġustifikaw il-kostijiet assoċjati. Rakkomandazzjoni mill-MSDEC u mill-Kunsilli Lokali kienet li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ ħlas permezz tal-Kunsilli Lokali. Dan inaqqas il-profittaturi u jista’ jkun aktar infurzabbli. Huwa essenzjali li d-disinn u l-infrastruttura tal-ġbir tal-iskart ikunu jwasslu għal prattiki ta’ riċiklaġġ u jħeġġu s-separazzjoni tal-iskart fis-sors.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ żiedet il-miri dwar ir-riċiklaġġ, filwaqt li r-reviżjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tpoġġi aktar impetu fuq ir-riċiklaġġ minflok l-irkupru. Fix-xenarju attwali l-irkupru jisboq b’mod konsiderevoli r-riċiklaġġ, għalhekk il-Kummissjoni Ewropea żiedet l-isforz tagħha lejn riċiklaġġ ta’ kwalità aħjar. Sabiex jinkiseb dan, huwa kruċjali li jkun hemm separazzjoni u ġbir adegwati tal-iskart sabiex l-iskart jiġi ddevjat minn sempliċi rkupru f’materjali sekondarji li jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid fiċ-ċiklu ekonomiku.

CE Malta
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.