Temi

Wara l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, se jitqiesu għadd ta’ temi fil-kuntest lokali meta tiġi żviluppata strateġija għall-ekonomija ċirkolari. It-temi ewlenin identifikati huma maqsuma f’żewġ sottokategoriji; l-ekosistema bijoloġika u l-ekosistema teknoloġika.

Il-Fondazzjoni Ellen MacArthur tiġbor fil-qosor iż-żewġ ċikli jew ekosistemi kif ġej, il-konsum iseħħ biss f’ċikli bijoloġiċi, fejn l-ikel u l-materjali b’bażi bijoloġika (bħall-injam) huma mfassla biex jerġgħu jiddaħħlu fis-sistema permezz ta’ proċessi bħall-kompostjar u d-diġestjoni anaerobika. Dawn iċ-ċikli jirriġeneraw is-sistemi tal-għajxien, bħall-ħamrija, li jipprovdu riżorsi rinnovabbli għall-ekonomija. Iċ-ċikli tekniċi jirkupraw u jirrestawraw il-prodotti, il-komponenti u l-materjali permezz ta’ strateġiji bħall-użu mill-ġdid, it-tiswija, il-manifattura mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ (fl-aħħar istanza).

Il-bidla mill-mudell ekonomiku lineari attwali għal ekonomija ċirkolari se tirrikjedi sforzi lil hinn mill-isforzi ta’ riċiklaġġ fl-istadju ta’ tmiem il-ħajja. Dan jinkludi fost l-oħrajn:

  • L-eliminazzjoni tal-użu ta’ sustanzi tossiċi li jillimitaw il-proċessi ta’ trattament sussegwenti;
  • Strateġiji li jtejbu l-użu mill-ġdid, il-manifattura mill-ġdid, it-tiswija u r-riċiklaġġ tal-prodotti permezz, pereżempju, ta’ disinn adattat tal-prodott;
  • Strateġiji biex jistimulaw xejriet ġodda ta’ konsum, pereżempju fil-mod kif in-nies jixtru, jużaw u “jarmu” oġġetti. Fost l-eżempji hemm il-kondiviżjoni mill-konsumaturi kif ukoll min-negozji.

Il-formazzjoni ta’ raggruppamenti jew komunitajiet ta’ riċiklaġġ għaż-żewġ tipi ta’ ekosistemi tinvolvi benefiċċji sinifikanti li jwasslu għal riċiklaġġ akbar u mtejjeb f’Malta. Huwa antiċipat li jinkiseb aktar valur miżjud meta l-entitajiet tar-riċiklaġġ jinżammu ġeografikament qrib xulxin u jippermettu l-iżvilupp ta’ ekosistema tar-riċiklaġġ li tiffunzjona tajjeb li tkun konsiderevolment aktar effiċjenti. L-Aġenzija tirrikonoxxi l-importanza li jiġu identifikati żoni deżinjati xierqa fejn jistgħu jiġu ospitati tali raggruppamenti jew komunitajiet. Il-lokalizzazzjoni tal-ispazju fiżiku li jista’ jiġi ttrasformat f’park tar-riċiklaġġ jew f’żoni simili ssir f’kollaborazzjoni mal-entitajiet rilevanti kollha tal-Gvern u tkun imfassla speċifikament biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-komunità tar-riċiklaġġ.

L-EKOSISTEMA BIJOLOĠIKA

L-Iskart tal-Ikel u Organiku

L-indirizzar tal-iskart tal-ikel u dak organiku huwa parti kbira mill-ekonomija ċirkolari. Dan jikkonsisti f’ikel li xorta jista’ jittiekel jew jintuża mill-ġdid u, għalhekk, huwa importanti li jitnaqqsu l-volumi ta’ ikel li jispiċċaw bħala skart kif ukoll fdalijiet tal-ikel u qxur tal-ħaxix. Huwa stmat li aktar minn 45 % tal-kontenut tal-borża s-sewda jaqa’ f’din il-kategorija. Il-Wasteserv dan l-aħħar nediet sistema separata għall-ġbir tal-iskart organiku minn sorsi domestiċi, li għall-ewwel sena huwa previst li tiġbor 27,000 tunnellata ta’ skart bil-potenzjal ta’ aktar żidiet sinifikanti fil-futur. Għalkemm dan huwa stmat li huwa l-akbar sors ta’ skart organiku, hemm sorsi oħra li jeħtieġ li jiġu sseparati fis-sors tul il-katina tal-provvista fejn jitkabbar, jiġi pproċessat, ittrasportat u kkonsenjat l-ikel. Fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari, dan l-iskart jista’ jiġi ttrasformat f’riżorsa ta’ valur f’livelli differenti fi ħdan il-ġerarkija tal-iskart; trasformazzjoni li ma għandhiex tkun limitata biss għall-irkupru enerġetiku.

Il-Bijomassa

Il-bijomassa tikkonsisti l-aktar minn materjal tal-pjanti u skart tal-annimali. Din hija riżorsa oħra li bħalissa titqies bħala fastidju u spiss tikkawża problemi ambjentali u infrastrutturali peress li dan il-fluss ta’ skart mhux kollu jinqabad fil-landfill. Is-sorsi tal-bijomassa huma kemm ibbażati fuq l-art li ġejjin miż-żooteknika, mill-biċċeriji, mill-agrikoltura u mill-iskart tal-parks kif ukoll mill-iskart li joriġina mill-baħar li ġej prinċipalment mis-sajd u mill-akkwakultura. Dawn huma materjal essenzjali fl-ekonomija ċirkolari. Il-bijomassa minbarra li għandha potenzjal ta’ rkupru enerġetiku simili għall-iskart organiku, għandha potenzjal ta’ rkupru tan-nutrijenti konsiderevolment ogħla; tista’ tkun sors ta’ għalf tal-annimali, fertilizzant organiku u anki farmaċewtiċi; l-immaniġġjar potenzjalment xieraq ta’ dan il-fluss ta’ skart jista’ jwassal għal opportunitajiet ġodda aktar ’il fuq fil-ġerarkija tal-iskart.

Il-Ħama tad-Dranaġġ

Il-ħama tad-dranaġġ hija l-prodott sekondarju residwu tat-trattament tad-dranaġġ tal-ilma mormi industrijali u muniċipali. Dan il-materjal jista’ jkun ukoll kontributur importanti lejn l-ekonomija ċirkolari u t-trattament tal-ħama tad-dranaġġ jista’ jipproduċi gass sintetiku u faħam bijoloġiku, kif ukoll jiġi inċinerat f’impjanti speċifiċi. Ħama tad-dranaġġ ittrattat kif suppost jista’ jintuża wkoll fl-agrikoltura, bħala suppliment tal-ħamrija. Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem b’mod attiv fuq id-Direttiva dwar il-Fertilizzanti biex tisfrutta dan il-potenzjal.

Il-volumi totali stmati ta’ dawn it-tliet frazzjonijiet waħedhom jirrappreżentaw kważi 40 % tad-devjazzjoni fil-mira mill-prattiki attwali tal-landfills. L-iskart organiku u tal-bijomassa meta jintrema fil-landfills għandu impatt akbar fuq it-tibdil fil-klima mill-plastik u, għalhekk, huwa importanti li jiġi ttrattat b’mod adegwat.

L-EKOSISTEMA TEKNOLOĠIKA

Oġġetti tal-konsum b’enfasi speċjali fuq l-imballaġġ u plastik li jintuża darba biss

Malta diġà tippromwovi s-separazzjoni tal-imballaġġ u tal-materjali li jintużaw darba biss permezz tal-ġbir ta’ riċiklabbli xotti. Dan il-proċess, filwaqt li huwa pass ewlieni biex tinkiseb separazzjoni, ma jimmassimizzax l-opportunitajiet tar-riċiklaġġ għall-użu mill-ġdid. Żvilupp ewlieni huwa l-impenn tal-Gvern li jintroduċi l-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb fejn mhux biss għandu l-objettiv li jaqbad 90 % tal-kontenituri mqiegħda fis-suq iżda wkoll li jipprovdi materjal riċiklabbli ta’ kwalità għolja li jista’ jintuża mill-ġdid bħala riżultat tal-qbid tal-iskart fi stadju bikri. Dan l-approċċ il-ġdid jista’ jiġi studjat u estiż għal flussi oħra ta’ skart. Ir-riċiklaġġ tal-plastik għat-teknoloġija tal-użu mill-ġdid qed jevolvi b’rata mgħaġġla ħafna. Is-suċċess tiegħu jiddependi mill-kwalità tal-plastik riċiklat. Barra minn hekk, l-industrija tal-oġġetti tal-konsum tinvolvi ammont sinifikanti ta’ plastik li jintuża darba biss li, fejn ikun finanzjarjament vijabbli, għandhom ikunu disponibbli alternattivi permezz tal-introduzzjoni ta’ regolamenti mmirati lejn it-tnaqqis ta’ din il-prattika. F’dan il-kuntest, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ppubblikat Strateġija għall-Plastiks, li fiha tipprovdi d-direzzjoni tagħha dwar il-plastik li jintuża darba biss f’konformità mad-direzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

It-Tagħmir Domestiku

L-iżvilupp tal-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari mill-Kummissjoni Ewropea jfittex li jestendi ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott li jinkludi l-kapaċità ta’ tiswija u r-riċiklabbiltà tal-apparat domestiku. Dan l-approċċ imur kontra l-kunċett ta’ obsolexxenza programmata. Fil-kunċett tal-ekonomija ċirkolari nsibu wkoll il-prinċipji ta’ kondiviżjoni fejn, inkella, l-assi mormija jista’ jkollhom użu akbar. Dawn il-prinċipji, flimkien ma’ opportunitajiet fil-manifattura mill-ġdid, iwasslu għal tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku. Min-naħa l-oħra, ladarba tagħmir domestiku jintrema, hemm opportunitajiet biex jiġu rkuprati komponenti sekondarji jew materja prima. Il-kunċett ta’ possibbiltà ta’ tiswija huwa rilevanti ħafna fil-kuntest Malti minħabba l-istruttura tas-suq domestiku, fejn l-affidabbiltà fuq il-materja prima importata u l-prodotti lesti hija għolja. L-evoluzzjoni ta’ dan is-settur tista’ tiġi mmonitorjata permezz ta’ diversi indikaturi, bħall-għadd ta’ intrapriżi u impjegati li jwettqu attivitajiet marbuta ma’ tiswijiet u titjib tal-prodotti.

Il-Manifattura

Hekk kif il-konsum qed jikber bi prosperità ekonomika, il-manifattura qed tiżdied. Filwaqt li l-iskart minn din l-industrija mhuwiex kopert bl-obbligi tal-iskart solidu muniċipali, l-importanza tal-ekonomija ċirkolari fil-manifattura ma tridx tiġi sottovalutata. L-ekonomija ċirkolari mhux biss se twassal għal tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart li se jispiċċa fl-unika landfill fil-Gżira, iżda se twassal ukoll għal tnaqqis fid-domandi fuq il-materja prima li se jagħmlu l-manifattura aktar attraenti. L-adozzjoni tal-istandards tal-ISO 14000 għandha tiġi mħeġġa fl-industrija tal-manifattura, sabiex l-organizzazzjonijiet jimminimizzaw l-effetti negattivi li l-proċess tal-produzzjoni tagħhom jista’ jkollu fuq l-ambjent.

Is-Settur tal-Kostruzzjoni

L-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni huwa l-akbar fluss ta’ skart uniku ġġenerat f’Malta, li jaqbeż il-flussi l-oħra kollha ta’ skart f’daqqa. Bħalissa, il-prattika komuni hija li dan l-iskart jintuża biex jiġu rkuprati l-barrieri li ma għadhomx jintużaw u b’hekk tiġi offruta l-opportunità li tiġi żviluppata ekoloġija ġdida. Madankollu, l-indikazzjonijiet huma li dan mhux se jkun biżżejjed fit-terminu medju sa twil, u għalhekk jeħtieġ li jiġu studjati u żviluppati aktar prattiki oħrajn. Matul is-snin kien hemm għadd ta’ inizjattivi li għandhom l-għan li jiżviluppaw prodotti ġodda mill-iskart tal-kostruzzjoni u tad-demolizzjoni, madankollu l-fattibbiltà ekonomika tagħhom spiss uriet li hija ostaklu kbir. Sabiex is-settur tal-kostruzzjoni jiġi xprunat aktar lejn l-ekonomija ċirkolari, l-azzjonijiet li jwasslu għall-ħolqien u s-sostenibbiltà ta’ swieq sekondarji jkollhom iżidu d-domanda. Dan iżid l-interess kemm fl-innovazzjoni kif ukoll iżid is-sostenibbiltà finanzjarja.

It-Turiżmu

It-tkabbir fit-turiżmu, wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija, jappella għal miżuri aktar effettivi għall-immaniġġjar tal-iskart fis-settur kollu. L-immaniġġjar tal-iskart solidu fi gżira ddominata mit-turiżmu huwa partikolarment problematiku minħabba xejriet ta’ konsum li qed jinbidlu, popolazzjoni temporanja, u varjazzjonijiet staġunali fil-kwantità u l-kompożizzjoni tal-iskart solidu. B’aktar minn 16-il miljun lejl tas-sodda mitmuma fis-sena, l-impatt tal-intensità tat-turiżmu fuq l-infrastruttura tal-iskart jista’ jkun sinifikanti. Filwaqt li l-kompożizzjoni tal-iskart mill-industrija tal-ospitalità hija simili għall-iskart solidu muniċipali, l-impatt tagħha għadu sinifikanti biżżejjed biex jeħtieġ attenzjoni speċifika. Flimkien mal-partijiet ikkonċernati, se jkun meħtieġ li jiġu rieżaminati strateġiji speċifiċi għall-immaniġġjar tal-iskart sabiex dawn isiru aktar sostenibbli u jitnaqqas il-piż fuq l-infrastruttura nazzjonali.

CE Malta
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.